


Nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru 2025 saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali (IPM) tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fl-istess okkażjoni saret iċ-Ċerimonja tal-Gradwazzjoni għas-Sena Akkademika 2024-2025 bl-għoti taċ-ċertifikati lil 61 student/a li attendew għall-korsijiet tul din is-sena. Il-korsijiet offruti kienu: Award in Safeguarding of Minors and Vulnerable People, Award in Biblical Formation, Award in Liturgical Formation, Award in Psychodynamics of Family Relationships – Theory and Skills, u Award in Archive Upkeeping and Documents’ Basic Preservation.
Fl-indirizz ta’ merħba tiegħu, Dr Joe Azzopardi, Chairman tal-IPM, beda biex irringrazzja lid-Diretturi li servew sa minn meta twaqqaf fl-2019: lir-Rev. Dr Joseph Farrugia, ir-Rev. Noel Debono, u Mons. Arċipriet Noel Saliba, u fakkar li mill-14 ta’ Settembru 2025 l-IPM għandu Direttur ġdid: Mons. Joseph Sultana. Dr Azzopardi wera x-xewqa li dan l-Istitut ikompli jikber biex joffri l-aqwa formazzjoni lill-operaturi pastorali li jaħdmu fid-Djoċesi ta’ Għawdex.
Mons. Noel Saliba, li f’Settembru li għadda temm il-ħidma tiegħu bħala Direttur tal-IPM, ħabbar li l-liċenzja tal-Istitut ġiet imġedda għall-ħames snin li ġejjin u ta aġġornament dwar l-External Audit li sar mill-MFHEA. Dan l-Audit talab rakkommandazzjoni waħda biss mandatorja li diġà ġiet esegwita, u 12-il rakkommandazzjoni oħra li mhumiex mandatorji. L-IPM diġà implimenta sitta minn dawn ir-rakkommandazzjonijiet mhux mandatorji, u fadal sitta oħra li qed jaħdmu fuqhom, biex l-Istitut ikompli joffri formazzjoni professjonali tal-aqwa kwalità. Mons. Saliba informa wkoll li l-IPM qed joffri sitt korsijiet akkreditati u qed jaħdem fuq l-akkreditazzjoni ta’ żewġ korsijiet ġodda: wieħed dwar l-Istudju Interreliġjuż u ieħor dwar il-formazzjoni tal-katekisti.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, id-Direttur irringrazzja lil dawk kollha li kkoperaw miegħu f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, kemm ilu jservi bħala Direttur, u awgura lid-Direttur il-ġdid.
L-Amministratur, is-Sur Tony Bezzina, ta rendikont finanzjarju għas-sena 2024. Filwaqt li qal li l-iskop tal-IPM mhux li jagħmel profitt, esprima x-xewqa li aktar studenti jidħlu għall-korsijiet offruti mill-Istitut biex tal-anqas jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi meħtieġa biex l-IPM ikun finanzjarjament sostenibbli.


Dun Joseph Attard, li huwa lettur tal-kors ġdid Award in Archive Upkeeping and Documents’ Basic Preservation, għamel diskors interessanti f’isem il-letturi tal-IPM, fejn enfasizza kemm hu importanti li permezz tal-lekċers diġà eżistenti jiġu offruti korsijiet prattiċi u utli biex jitħares il-patrimonju rikk li għandna f’Għawdex u tissaħħaħ il-kuxjenza dwar l-iżvilupp tal-potenzjal tal-istudenti Għawdxin.
Il-programm kompla billi s-Sinjorina Josefa Spiteri, li matul is-sena li għaddiet segwiet il-kors Award in Psychodynamics of Family Relationships – Theory and Skills, għamlet diskors f’isem l-istudenti li attendew għall-korsijiet offruti mill-IPM matul is-sena li għaddiet. Fost l-oħrajn hija semmiet kemm sabet il-Kors dwar il-Psikodinamika tar-Relazzjonjiet Familjari interessanti u utli fil-ħajja personali tagħha u fil-ħidma pastorali li hija stess twettaq, u ħeġġet biex aktar studenti jattendu għall-korsijiet offruti minn dan l-Istitut.
Imbagħad sar it-tqassim taċ-Ċertifikati lill-istudenti li attendew għall-korsijiet matul is-Sena Akkademika 2024-2025.
L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’messaġġ qasir wera x-xewqa tiegħu li l-korsijiet tal-IPM ikomplu jiżviluppaw biex joffru għajnuna professjonali b’mod speċjali lill-katekisti li huma minn ta’ quddiem nett li jaħdmu fil-formazzjoni tal-kategoriji kollha tal-parroċċi f’Għawdex, u mhux lil dawn biss, imma wkoll lil dawk kollha li jridu l-ġid veru tas-soċjetà fejn qegħdin jgħixu.
L-okkażjoni nżammet fis-Sala tad-Dar Ċentrali tal-Azzjoni Kattolika, il-Belt Victoria, u ntemmet b’festin żgħir għal dawk preżenti.







