Laqgħa Ġenerali Annwali tal-IPM 2022-2023

Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju 2023, fis-7.00pm, inżammet fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ (NYTC) fin-Nadur il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Istitut tal-Ministeru Pastorali (Djoċesi ta’ Għawdex). Fi tmiem il-laqgħa nżammet ukoll il-Gradwazzjoni ta’ dawk li temmew b’suċċess xi kors organizzat minn dan l-Istitut matul din l-aħħar sena akkademika.   

Dr Joe Azzopardi, Ċermen tal-IPM, għamel diskors qasir li fih semma li dan l-Istitut ta’ formazzjoni għal kulħadd qiegħed jorganizza diversi korsijiet bil-ħsieb li ’l quddiem dawn il-korsijiet jingħaqdu f’Diploma. Il-korsijiet huma akkreditati mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. F’kuntest fejn hemm ir-riskju li nitilfu l-identità tagħna bħala poplu, qal Dr Azzopardi, il-Knisja qed taħdem b’dan il-mod ukoll biex tkompli tevanġelizza u twassal l-Aħbar it-Tajba.

Is-Sur Tony Bezzina, Teżorier tal-IPM, ippreżenta r-rendikont tal-Istitut tas-Sena 2022 u l-qagħda finanzjarja ta’ dan l-Istitut.

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, fost ħwejjeġ oħra semma li għal ħafna minna l-fidi hija msejsa fuq id-devozzjonijiet popolari bħall-festi u purċissjonijiet, li minkejja li minnhom infushom mhumiex ħżiena, ħafna drabi dan iwassal biex il-fidi nqisuha bħala maġija u superstizzjoni, mibnija xi kultant fuq biża’ u relegata għal dak li hu okkażjonali. Biex isseħħ il-bidla minn fidi bbażata fuq id-devozzjonijiet popolari jew is-superstizzjoni għal waħda bbażata fuq deċiżjoni personali li timxi wara Kristu, il-formazzjoni kontinwa hija indispensabbli. Dan għax “konverżjoni kontinwa titlob formazzjoni kontinwa!”.

Għalhekk l-Istitut tal-Ministeru Pastorali, saħaq l-Isqof ta’ Għawdex, “hu l-providenza ta’ Alla li bħalissa lill-Knisja f’Għawdex tista’ tistimulaha biex il-fidi ma tibqax ritwaliżmu u ħaġa maġika, imma ssir għażla personali”. Kompla li hu għandu ħafna għal qalbu l-ħidma tal-IPM, li permezz tal-korsijiet li joffri, id-Djoċesi ta’ Għawdex qiegħda tipprova tagħti dan il-kontribut siewi ta’ formazzjoni.

Kważi 70 persuna temmew b’suċċess xi kors organizzat mill-IPM matul din l-aħħar sena akkademika, fosthom dak tas-Safeguarding of Minors (Ħarsien tal-Minuri) u tal-Formazzjoni Biblika. Ħafna minn dawn l-istudenti huma professjonisti li jaħdmu f’diversi setturi importanti f’Malta u f’Għawdex, u oħrajn huma lajċi impenjati fil-parroċċi u l-għaqdiet.

Fi tmiem il-Laqgħa tħabbar li l-Istitut issa għandu Direttur ġdid, li hu Dun Noel Saliba, li għal 16-il sena serva bħala Surmast tal-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Minuri ta’ Għawdex. L-Isqof ħa l-opportunità biex irringrazzja kemm lil Dun Noel Debono, id-Direttur ta’ qabel, lil Dun Joseph Farrugia, il-fundatur tal-IPM fl-2019 u l-ewwel Direttur tiegħu, kif ukoll lil Frances Galea, l-ewwel Segretarja Amministrattiva.

Ritratti: Djoċesi ta’ Għawdex / Lino Xerri